MISKIN
MISKIN n.mimm.ms., f. -a, pl. Msieken dim. Msejken
: Min hu nieqes jew imċaħħad minn kulma jeħtieġ sabiex ikun hieni.
“Dak gay... miskin.” Frażi li smajnieha ħafna drabi. Frażi tant sempliċi u forsi anke innoċenti li tirrappreżenta l-mod ta' kif il-komunità LGBTQI+ għadha xi drabi tiġi rikonoxxuta sal-lum.
Proprju minn dal-punt jibda il-Programm tal-Miskin.
Il-kumpanija tat-Teatru tal-Miskin se tkun qed torganizza programm ta' attivatijiet madwar Malta u Għawdex sabiex tindirizza s-sitwazzjoni soċjali f'pajjiżna fejn tidħol ir-rappreżentazzjoni u t-tolleranza tal-komunità LGBTQI+ bit-tama li tkun sors ta' bidla.
Il-workshops u l-attivitajiet tal-programm se jakkumpanjaw, jissapportjaw u jespandu dak kollu li dan il-musical ġdid jixtieq jikseb. Se naħdmu ma' artisti, kreattivi, żgħażagħ, nies li forsi ma jiffrekwentawx it-teatru spiss u fuq kollox il-komunità LGBTQI+.
L-ISTORJA TAL-MISKIN
SEJĦA GĦAL STEJJER KWIR
Kun parti mill-istorja tagħna!
Sejħa għall-komunità LGBTQI+ f’Malta u Għawdex
In-narrativa tal-musical tagħna hija mnebbħa minn serje ta’ stejjer mill-komunità kwir ta’ Malta u Għawdex. Parti kruċjali mill-programm ta’ attivitajiet u workshops tat-Teatru tal-Miskin se tkun ċelebrazzjoni tal-istorja tal-komunità LGBTQI+ f’pajjiżna. Hija storja ta’ kif il-komunità kibret, issaħħet u wriet lid-dinja il-valur essenzjali tagħha fis-soċjetà.
Għandna bżonn inħarsu sew lejn id-dinja eteronormattiva li probabbli akkumpanjat il-coming out tagħna. Għandna bżonn neżaminaw is-soċjetà patrijarkali li sal-lum għadha ssibha bi tqila taċċetta l-kunċett ta’ gender fluidity. Il-komunità LGBTQI+ ħadmet tant biex tagħti valur lill-preżenza tagħna fis-soċjetà. Dan il-proġett se jiċċelebra din l-istorja.
Ispirata mill-motto ta’ Malta Pride 2022, “Live Your Truth”, nixtiequ niġbru l-istejjer ta’ diversi memberi tal-komunità LGBTQI+. Nixtiequ naqsmu l-esperjenzi ta’ coming out, esperjenzi ta’ mħabba, esperjenzi ta’ niket u esperjenzi ta’ ferħ li kollha jsawru l-identità awtentika tagħna. Dawn huma stejjer veri li mhux biss qed jispiraw id-direzzjoni li se tieħu l-produzzjoni tagħna, imma wkoll qed jagħtuna l-opportunità li nirrakkontawhom fit-teatri tagħna.
Ikkuntattjana fuq info@saydonstudio.com sabiex tibda konverżazzjoni magħna. Entużjasti ħafna li nitkellmu ma' Maltin u Għawdxin li jagħmlu parti mill-komunità LGBTQI+. L-istorja tiegħek se ngħożżuha u se nieħdu ħsiebha, u bil-permess tiegħek se naqsmuha ma’ ħaddieħor (anke b’mod anonimu) bix-xewqa li niċċelebraw lil xulxin, kif ukoll nispiraw sens ta’ pride fil-ġenerazzjoni li ġejja.
Din is-sejħa hija MIFTUĦA.
Dan il-programm qed isir bil-fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Aġenzija Żgħażagħ.